Huis Clos (scène 1) / Bil-Bibien Mitbuqa (xena 1) – Jean-Paul Sartre / Kevin Saliba (trad)

Share Embed


Descripción

L-EWWEL XENA GARCIN, IL-KAMRIER TAS-SULAR Salott stil tat-Tieni Imperu Franċiż. Statwa tal-bronż fuq il-fuklar. GARCIN (Jidħol u jħares madwaru.) Hawn aħna insomma. IL-KAMRIER Hawn aħna. GARCIN Dak hu x-xogħol mela... IL-KAMRIER Hekk hu. GARCIN Naħseb... naħseb biż-żmien tindara l-għamara hawn. IL-KAMRIER Skont dak li jkun hux. GARCIN Il-kmamar hawnhekka kollha xorta waħda? IL-KAMRIER

Isma’ x’qallu! Jiġuna Ċiniżi, Indjani... Dawk xi tridhom jagħmlu biha pultruna ta’ żmien it-Tieni Imperu? GARCIN U lili, xi tridni nagħmel biha allura? Int taf min kont jien? Xejn ara, mhix ħaġa importanti din. Wara kollox, dejjem għext qalb għamara li ma niggosta xejn u f’sitwazzjonijiet foloz. L-għaxqa tiegħi kienet dik. Sitwazzjoni falza f’xi kamra talpranzu stil Lwiġi-Lippu, ma tfakkrek f’xejn lilek din? IL-KAMRIER Issa tara. F’salott stil tat-Tieni Imperu tgħaddiha mhux ħażin. GARCIN Eh buli... tajjeb tajjeb, tajjeb. (Iħares madwaru.) Xorta, ’qas kont nobsorha din... Taf xejn xi jgħidu n-nies hemm isfel? IL-KAMRIER Fuq xiex? GARCIN Ħeqq... (B’ġest vag u wiesa’.) fuq dan kollu hux. IL-KAMRIER U int kif temmen daċ-ċuċati? U minn flien li qatt ma rifsu ’l hawn? Għax insomma, kieku kellhom jiġu hawn... GARCIN Bans.

(Jidħku t-tnejn.) GARCIN (Jisserja f’daqqa.) Il-bsaten fejnhom? IL-KAMRIER Xiex? GARCIN Il-bsaten, il-gradilji, l-ilmiebet tal-ġilda... IL-KAMRIER Trid tiċċajta jaqaw? GARCIN (Waqt li jħares lejh.) U ajma! Tajba din. Le, ma ridt niċċajta xejn ta. (Waqt ta’ skiet. Jimxi ftit passi.) U la mirja, u lanqas twieqi, sintendi. Xejn fraġli. (Jgħid b’herra ta’ f’daqqa:) U l-ixkupilja tas-snien x’ħaduhieli jagħmlu? IL-KAMRIER Isbaħ din! Ekku d-dinjità umana tiela’ lur’hemm fil-wiċċ! Tal-blieh din. GARCIN (Waqt li jħabbat fuq dirgħajn il-pultruna bil-għadab.) Ar’agħmilli pjaċir u teħodlix kunfidenzi ħej! Naf sew f’xiex ninsab, imma mhux ser nittollera l’int toqgħod... IL-KAMRIER Orrajt! Ftehmna! Skużani. Imm’int xi trid għid? Dejjem bl-istess mistoqsija l-klijenti hawn. Jiġuna b’xi “Fejnhom il-bsaten?” Ara xejn taħseb li dak il-ħin ikollhom moħħ

il-faċendi tal-loki ta. Imma’mbagħad, appena nserrħulhom rashom, dlonk joħorġulek bl-ixkupilja tas-snien u x’naf jien. Imma f’ġieħ Alla, kif ’qas tiġik f’rasek di’? Għax issa ħa nsaqsik xbin: il-għala għandek toqgħod taħsel snienek ngħid jien? GARCIN (Issa kalm.) Veru kos, il-għala? (Iħares madwaru.) U dan għala nħarsu fil-mirja? Kwantu dil-istatwa tal-bronż, malli jasal il-waqt... Tgħidli qalbi ġieli għad inħarsilha biċ-ċass u bil-fiss. Biċ-ċass u l-fiss, kapixx? Ejj’ejja, m’hemm xejn x’naħbu. Qed ngħidlek li naf sew f’xiex ninsab. Tridx ngħidlek daqsxej’ kif tissuċċiedi dil-biċċa? Wieħed qed jifga, qiegħed hemm jikkriepa, qed jegħreq, b’għajnejh biss ’l fuq mill-ilma. U intant x’qed jara da’? Statwa tal-bronż la Barbedienne. X’inkubu dak ħej! Tarax! Lilek żgur tawk ordni ma tweġibni xejn lili, u mhux ser noqgħod inħaqqaqha jien. Imma ftakar waħda: xejn ma jaħsadni għal għarrieda lili! Ara ma tmurx toqgħod tiftaħar li seħħlek ittini xi qatgħa ta! Naf sew x’ġej fuqi jien tafx. (Ikompli jimxi.) Mela, xkupilji tas-snien xejn, sodda lanqas. U dan għax hawnhekk in-nies ma jorqdux, mhux hekk? IL-KAMRIER Dażgur li le! GARCIN Kont nagħmel imħatra fuqha di’. Il-għala għandna norqdu? In-ngħas jieħdok minn wara widnejk. Tħoss għajnejk qed jingħalqu. Imma tgħid għala norqdu? Timtedd fuq is-sufan u uppalà... in-ngħas dlonk itir. Ikollok togħrok għajnejk u tqum... u traku kollox jerġa’ jibda. IL-KAMRIER X’int romantiku marelli! GARCIN

Iskot hemm! M’iniex ser ninfexx ngħajjat jew noqgħod nibki – irrid naffronta ssitwazzjoni. ’Qas irridha tagħti s-salt fuqi minn wara bla ’qas inkun naf x’laqatni. X’romant’ku romant’ku? Dik hi rajtx allura, in-ngħas m’għandniex x’nambuh aqqas. X’norqdu nagħmlu jekk ma jkollniex ngħas? Famuż. Stenn... stenna ftit: u l-għala bilfors għandu jkun saram dan? Eh qbadtha issa: ħajja bla rpoż din t’hawn. IL-KAMRIER Xi rpoż hu? GARCIN (Waqt li jimitah.) Xi rpoż hu? (B’bixra suspettuża.) Ħares waħda lejja. Ma kellix rieb fuqha din! Ara fejn hi dil-imprudenza grassa u insopportabbli ta’ dil-ħarsa l’għandek! Oqgħod fuq kliemi, atrofija jqabbduk! IL-KAMRIER Fuq xiex qed tgħid? GARCIN Fuq it-tbieqi t’għajnejk. Aħna npetptu t-tbieqi. Tebqa t’għajn, hekk ngħidulha dik aħna. Daqsxej’ ta’ tibriqa mudlama, bħal purtiera li tinżel u dlonk terġa’ titla’: traku l-irpoż. L-għajn issir niedja, id-dinja tisfa’ xejn. Mhux li kien tista’ tifhem kemm tħossha taħjik. Erbat elef serħa kull siegħa. Erbat elef ħarba żgħira. U meta ngħidlek erbat elef... Allura? Se jkolli ngħix bla tbieqi jien? Tilgħabhiex tal-imbeċilli ta! Bla tbieqi, bla ngħas, għalija sitta u sitta tnax. U ija, ma norqodx iktar... Imma kif ser nistaporti lili nnifsi għid? Ipprova ifhem, agħmel tikka sforz: għandi karattru inkejjuż tafx, u jien... jiena għandi did-drawwa li ninki lili nnfisi. Imma... jien ma nistax noqgħod ninki lili nnifsi bla hedu ta’ xej’. Hemm isfel kellna l-iljieli. Kont norqod, almenu. Tiegħi kien ngħas hiedi, biex inpatti. Kont nagħtiha għall-ħolm sempliċi.

Kien ikun hemm mergħa... Mergħa, dak kollox. Kont noħlomni miexi fuqha. Hawnhekk qatt iżernaq il-jum? IL-KAMRIER Kif qed tara, il-lampi mixgħulin. GARCIN San Pawl tina d-dawl! Dan hu l-jum tagħkom ġifieri. U barra? IL-KAMRIER (Imgħaġġeb.) Barra? GARCIN Hemm barra hux! Wara dal-ħitan! IL-KAMRIER Hemm kuritur. GARCIN U f’tarf il-kuritur? IL-KAMRIER Hemm iktar kmamar u iktar kurituri, u taraġ. GARCIN U mbagħad? IL-KAMRIER Dak kollox.

GARCIN Imm’int żgur ikollok xi ġurnata franka. Fejn tmur? IL-KAMRIER Għandi zijuwi, li jiġi l-prim-kamrier, fit-tielet sular. GARCIN Imissni bsartha din. U s-swiċċ fejn hu? IL-KAMRIER M’hawnx.

GARCIN Vuldieri ’qas nistgħu nitfu d-dawl? IL-KAMRIER It-treġija tista’ taqta’ l-kurrent. Iżda ma jidhirlix li qatt għamluha f’das-sular. Elettriku għandna kemm irridu. GARCIN Tajjeb ukoll. Irridu ngħixu b’għajnejna miftuħa mela... IL-KAMRIER (B’ironija.) U ngħixu insomma... GARCIN

Tiġix issibli x-xagħrha fl-għaġina fil-kliem. B’għajnejja miftuħin ġej ix-xogħol. Għal dejjem. Dawl il-jum dejjem f’għajnejja ħa jkun. U f’rasi wkoll. (Waqfa.) U jekk nittanta nixħet dik l-istatwa fuq il-lampa, jintefa mbagħad l-elettriku? IL-KAMRIER Tqila ċomb dik. (Jaqbad l-istatwa b’idejh u jipprova jqandilha.) GARCIN Sew qed tgħid. Tqila ċomb. (Waqt ta’ skiet.) IL-KAMRIER Kollox sew mela, jekk m’għandekx iżjed bżonni se nħallik. GARCIN (Jindehex.) Sejjer? Saħħiet. (Il-kamrier jilħaq il-bieb.) Stenna waħda. (Il-kamrier jdur lejh.) Dik t’hemm qanpiena? (Il-kamrier jgħidlu iva b’ġest.) Nista’ ndoqqha xħin irrid u jkollok tiġi? IL-KAMRIER Suppost iva. Imma ma tridx toqgħod fuqha. Għandha xi ħaġa naqra ġġamjata filmekkanika. Garcin imur ħdejn il-qanpiena u jagħfas il-buttuna. Il-qanpiena ddoqq. GARCIN

U haw’ taħdem qiegħda! IL-KAMRIER (Mistgħaġeb.) Ija qed taħdem. (Idoqqha huwa wkoll.) Imma timlix rasek. Mhix ser iddum wisq. Għal hemm jien. Ikollok bżonn sejjaħ. GARCIN (Jagħmel ġest biex iżommu.) Jiena... IL-KAMRIER Eh? GARCIN Le, xejn. (Imur biswit il-fuklar u jaqbad taljakarti.) Din x’inhi? IL-KAMRIER Kif qed tara hux, taljakarti. GARCIN Issib kotba hawnhekk? IL-KAMRIER Le. GARCIN Allura x’tambuha ngħid jien? (Il-kamrier jgħolli spallejh.) Kollox sew. Tista’ tmur.

(Il-kamrier joħroġ.)

Lihat lebih banyak...

Comentarios

Copyright © 2017 DATOSPDF Inc.